Message from Prime Minister Robert Abela as General Election is called

PM Robert Abela

Messaġġ lin-nazzjon mill-Prim Ministru Robert Abela

Insellmilkom,

Fl-aħħar ġimgħat għexna, u għadna qed ngħixu sitwazzjoni internazzjonali straordinarja mad-dinja kollha.

Sa tlett ijiem ilu biss, aħna l-Mexxejja Ewropej u Mexxejja oħrajn, ġejna msejjħin f’Ċipru biex nitkellmu dwar din is-sitwazzjoni internazzjonali straordinarja.

Wieħed mill-aktar suġġetti ta’ tħassib għalina l-Ewropej, u għad-dinja kollha, hija s-sitwazzjoni tal-enerġija.

Tkellimna fuq kif – fil-qalba tal-gwerra fil-Lvant Nofsani, hemm it-theddida li xi ħadd jagħlaq il-vit fuq il-bqija tad-dinja fil-provvista taż-żejt, tal-gass, tal-petrol u tad-diesel.

Din mhijiex sitwazzjoni ta’ xi ftit jiem, jew ftit ġimgħat, jew ftit xhur.

Dak li qed ngħixu llum fuq livell internazzjonali qed isir in-normalità ġdida.

Pajjiżna, dan kollu, laqa’ għalih.

Illejla rrid nerġa’ nserraħ moħħ kulħadd li minkejja d-diffikultajiet kollha illi jeżistu, pajjiżna jinsab preparat.

Il-pjan tagħna ma jilqax għal-lum biss.  Imma għas-snin li ġejjin.

Pjan li bdejna naħdmu fuqu sew minn qabel beda dan l-inkwiet kollu.

Pjan li jaħseb għal kull eventwalità.

Ġirien tagħna qed iħarsu lejn lock-down tal-enerġija – jitfu d-dawl, ifaddlu l-fuels, jgħollu l-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Il-pjan tagħna għalikom, ma fih xejn minn dan – anzi l-prijorità primarja tagħna hi li nkomplu nkunu t-tarka tagħkom –  li nipproteġu lill-familji u n-negozji.

Il-finanzi tal-pajjiż jifilħu sew għal din id-daqqa. Fl-istess waqt – saħansitra lħaqna l-miri finanzjarji tagħna bħala pajjiż qabel iż-żmien.

Għalhekk – nista’ nagħtikom garanzija ta’ stabbiltà – garanzija li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u l-prezzijiet tal-fuels u tal-gass, se jibqgħu stabbli.

Għax għandna l-għaqal, il-kompetenza, u l-esperjenza fit-tmexxija – faddalna mal-250 miljun ewro biex fil-mument tal-bżonn, il-pajjiż isib kaxxa mimlija.

U dan il-bżonn reġa’ jinsab magħna llum.

Flimkien, għelibna sfidi kbar fl-aħħar snin.

Irnexxielna, għax konna ffukati – għax ħadna ħsieb xulxin.

Għax emminna f’xulxin.

Irnexxielna għax il-prijoritajiet tagħna dejjem kienu fil-post it-tajjeb: il-familji, in-negozji, iż-żgħażagħ, l-anzjani – l-Għawdxin u l-Maltin kollha.

Irnexxielna wkoll – għax ħloqna u żammejna ekonomija b’saħħitha. Għax bqajna dejjem nemmnu f’mudell ekonomiku progressiv, u ma ċedejna l-ebda pressjoni li saret biex nixħtu l-piżijiet fuqkom.

L-isfidi fl-ebda ħin ma naqsu.

Imma xogħli dejjem kien li nara li intom ma titgħabbewx b’inkwiet żejjed.

L-inkwiet ħalluh għalina.

Gvern immexxi minni ser jibqa’ jkun it-tarka tagħkom.

Ħbieb tiegħi,

Il-mument ta’ meta l-pajjiż għandu jagħżel il-Gvern għall-ħames snin li ġejjin kienet xi ħaġa li f’dawn l-aħħar ġimgħat tajtha l-ħsieb li kien jixirqilha.

Kien naturali li ladarba l-Gvern beda l-aħħar sena tal-leġiżlatura tiegħu, id-diskussjoni dwar dan kienet se tkun waħda kontinwa.

Dejjem ħdimt għall-istabbiltà u ċ-ċertezza – u aktar minn qatt qabel, huwa dak li għandu bżonn il-poplu Malti u Għawdxi.

Pajjiżna jeħtieġ Gvern elett – b’mandat ġdid – iffukat biss fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż minħabba l-isfidi kollha li l-kuntest li qegħdin fih iġib miegħu – u x-xhur li ġejjin ser ikunu kruċjali.

Ir-responsabbiltà titlob minni li nantiċipa dak li ser ikollu bżonn pajjiżna – kif għamilt f’dawn l-aħħar 6 snin.

Li lil Malta npoġġiha l-ewwel u qabel kollox.

Huwa għalhekk li llejla, b’mod seren u deċiż, bħala Prim Ministru – b’responsabbiltà, b’konvinzjoni mill-pjan tagħna għall-ġejjieni u fl-interess nazzjonali.

Se nkun qed nagħti parir lill-President tar-Repubblika sabiex ixxolji l-Parlament u mmorru għal elezzjoni ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2026.

Jien inħares ’il quddiem biex flimkien nibnu l-futur ta’ dan il-pajjiż.

Mas-serħan il-moħħ u l-istabbiltà, dejjem enfasizzajt ukoll li nibqgħu nwettqu l-pjan ambizzjuż għal Malta – illum miġbur fil-Viżjoni 2050.

Għandna l-enerġija, l-entużjażmu u l-ideat ġodda għall-futur.

Bħala Gvern wettaqna, u qed inwettqu proġetti kbar ħafna li jeħtieġ snin għalihom. Anzi wettaqna aktar minn dak li wegħidna.

Fi ftit ġimgħat il-poplu jkun għażel lil min irid imexxih u hekk ikun jista’ jimxi ’l quddiem.

Jien irrid li nibqgħu noffru l-istabbiltà meħtieġa, jiżviluppaw kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi internazzjonali.

Il-viżjoni mġedda tagħna hija msejsa fuq programm għall-ħames snin li ġejjin –  proġett mill-iktar ambizzjuż.

B’ideat ġodda.

B’enfasi, aktar minn qatt qabel, fuq ħajja aħjar.  Fuq il-wellbeing tagħkom.

Proġett politiku li jagħtik is-serħan il-moħħ – bi Gvern li jkun miegħek f’kull pass tal-ħajja.

L-enfasi tagħna ser tkun fuq il-kwalità tal-ħajja. Dik ser tkun il-prijorità ewlenija tagħna għas-snin li ġejjin.

Kif dejjem għamilna – ser nkomplu nwieżnu b’mod b’saħħtu lil min l-aktar li għandu bżonn.

Però se nkun ċar.

Min-naħa tagħna se nkunu qed naħdmu b’mod matur. Mhux se nidħlu f’xi rkant politiku fejn dak li joffri ħaddieħor, aħna nwiegħdu aktar.  Ser noffru pjan fattibbli, studjat, ambizzjuż, iżda fuq kollox responsabbli.

Jien naf x’ifisser li tmexxi pajjiż, u xogħli li nibni fuq dak illi ksibna flimkien.

Fil-ħin li ġej, ser inkellimkom f’aktar dettall dwar dan il-pjan.

Jien ottimist – li bir-rieda u l-esperjenza li għandna, bit-team kompetenti u ħabrieki ta’ madwari, bil-politika li nħaddnu, u bil-fiduċja tagħkom warajna, pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem, b’saħħtu aktar minn qatt qabel.

Magħna, tafu fejn qegħdin.

U aktar minn hekk, magħna tafu fejn sejrin.

Il-ħolma tiegħek, se tkun il-proġett tagħna.

Int se tkun fiċ-ċentru tal-proposti tagħna għal Malta Aqwa.

Għax int min int, inti s-suċċess ta’ dan il-pajjiż.

Malta u Għawdex huma intom.

Malta Suċċess, Malta mxiet ’il quddiem – għax INT MALTA.

 

Loading