Roberta Metsola will not be contesting PN leadership

Roberta Metsola in front of EU flags file photo

Roberta Metsola will not be contesting the Nationalist Party leadership and remain in Brussels as President of the European Parliament.

She said, she “cannot abandon” her responsibilities in Brussels midway through her mandate.

In a post on her personal Facebook page, she wrote:

Fil-karriera politika tiegħi, ħadt ħafna deċiżjonijiet diffiċli. Uħud tajbin, oħrajn inqas, oħrajn nftehmu ħażin, uħud ġew ikkritikati jew saħansitra manipulati. Din hija l-politika u naf li dak hu li dħalt għalih.
Kull deċiżjoni ħadtha b’mod maħsub, studjat, u determinat. Dan hu l-mod kif rabbewni biex inkun il-ġenituri tiegħi u dan hu dak li jien: mara Maltija u rappreżentanta kburija tal-poplu Malti u Għawdxi.
Għaxar xhur ilu, ġejt eletta mill-ġdid bħala President tal-Parlament Ewropew, kariga li ġġib magħha responsabbiltajiet globali, għall-Unjoni Ewropea u fuq kollox għal pajjiżna. B’sens ta’ responsabbiltà, dan hu rwol li ma nistax nabbanduna. Dan qed nagħmlu b’lealtà lejn pajjiżi, lejn min ivvutali u lejn il-kollegi tiegħi, kemm fil-Partit kif ukoll fil-Parlament Ewropew.
Ir-rwol li ġejt eletta fih mhux wieħed faċli. Qed ngħixu fi żmien ta’ sfidi bla preċedent għad-dinja, ta’ eskalazzjonijiet militari fuq l-għatba tagħna, ta’ diskussjonijiet sensittivi dwar l-ekonomija, ta’ ħidma biex niddefendu kull post tax-xogħol u nsaħħu l-investiment, u ninsabu wkoll f’mument li l-Ewropa (inkluż Malta u Għawdex) tinsab f’salib it-toroq fuq tant fronti. Minħabba dan kollu, l-impenn u l-attenzjoni tiegħi għandhom jibqgħu jkunu sħaħ. L-impenn u l-attenzjoni tiegħi ma jistgħux jinqasmu.
Fid-dawl tar-riżenja mhux mistennija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni din il-ġimgħa, ħafna nies ħeġġewni biex inpoġġi ismi għall-għażla tat-tesserati. Fil-politika m’hemm l-ebda ambizzjoni personali akbar milli tmexxi l-Partit tiegħek għal rebħa fl-elezzjonijiet u tkun il-Prim Ministru ta’ pajjiżek. Iżda dan kollu mhux dwar l-ambizzjonijiet personali tiegħi, iżda dwar x’inhi r-responsabbiltà fil-politika. Matul l-aħħar jiem ippruvajt insib formula li biha ngħin lill-Partit bl-aħjar mezz possibbli, filwaqt li nwettaq dmiri b’responsabbiltà bħala President tal-Parlament Ewropew. Impenn li ma nistax inħallih nofs triq.
Nifhem li din il-formula ma tistax tkun bija bħala l-Kap li jmiss tal-Partit.
Madanakollu, se nkun disposta iktar minn qatt qabel biex ngħin lill-Kap il-ġdid fi kwalunkwe mod u rwol fejn isejjaħli, biex insaħħu l-Partit, nirbħu l-elezzjoni u nsalvaw lil pajjiżna. Irrid inkun ċara li nemmen b’saħħa li dawn t-tliet miri jistgħu jintlaħqu jekk naħdmu flimkien. Il-Kap il-ġdid tal-Partit se jsib l-appoġġ sħiħ tiegħi.
Naf li ħafna nies se jsibu din id-deċiżjoni diffiċli. Naf li ħafna mhux se jaqblu magħha. Naf li ħafna se jikkritikaw. Naf li l-Labour, l-esponenti tiegħu u oħrajn, se jużaw l-okkażjoni u l-makkinarju kollu tagħhom biex jimmanipulaw u jgħawwġu d-deċiżjoni tiegħi kif jaqblilhom. Naf li se jkun hemm min jipprova jżeblaħni. Se jimbuttaw il-propaganda tagħhom billi jivvintaw u jgħidu li ħadt id-deċiżjoni għal kwalunkwe raġuni oħra għajr il-verità – kif ilhom jagħmlu s-snin. Ma jifilħux jaraw mara Maltija tiġġieled għal dak li temmen fih. Ma jistgħux jaċċettawha. Se jżidu l-mibgħeda, se jintensifikaw l-attakki, se jirvillaw. Imma jien se nibqa’ niġġieled kuljum biex, f’kull ma nagħmel u f’kull deċiżjoni li nieħu, nuri lid-dinja kollha l-aqwa li għandu x’joffri pajjiżna. Jien dejjem se nkun hemm għall-Partit tagħna u għal pajjiżi, kif dejjem kont minn żgħożiti.

Loading