Il-Prim Ministru Robert Abela jżur ix-xogħlijiet tal-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City

Prime Minister Robert Abela provides details about the new ITS campus in Smart City

 

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet tal-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City, il-Kalkara. Kampus li se jfisser esperjenza ta’ kwalità għall-istudentib’faċilitajiet li se jissarfu f’aktar korsijiet speċjalizzati li jippreparaw il-ħaddiema futuri għall-bżonnijiet tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. 

 

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru żar is-sit li fuqu bdew ix-xogħlijiet biex l-ITS tkun tista’ tibda tilqa’ 2,500 student, li huwa d-doppju tal-ammont li qegħda taċċetta llum. Il-kampus il-ġdid, b’investiment ta’ €60 miljun ko-finanzjat minn fondi Ewropej, jinkludi fost oħrajn 58 klassi, tliet restoranti, tliet bars u kafetterija għat-taħriġ flimkien ma’ 21 laboratorju speċjalizzat u librerija. 

 

Proġett li jaħseb ukoll fil-faċilitajiet neċċessarji għal aktar minn 300 membru tal-istaff, 400 spazju ta’ parkeġġ flimkien ma’ sala li tesa’ aktar minn 300 persuna. Faċilitajiet oħra li se jagħmlu dan il-kampus wieħed state-of-the-art jinkludu indoor pool addattat għat-taħriġ tal-għads flimkien ma’ ċentru tal-isports. 

 

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li huwa b’investiment fil-kwalità li pajjiżna jista’ jilħaq livelli ġodda. Livelli ġodda li fi kliem il-Prim Ministru l-pajjiż jista’ jilħaqhom għax għandu ekonomija li qed tikber b’saħħa u andament ekonomiku li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra u li għalhekk il-gvern qiegħed f’pożizzjoni li jenfasizza iktar fuq il-kwalità.

 

Bl-investiment, sostna l-Prim Ministru, irridu ngħollu s-servizz, b’dan il-kampus il-ġdid tal-ITS se jkompli jtejjeb il-prodott turistiku li toffri Malta. Investiment li jibgħat sinjal qawwi ta’ gvern li jemmen fit-turiżmu, li jibqa’ pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija. 

 

Il-Prim Ministru sostna li filwaqt li qed jinħolqu oqsma ġodda, huwa essenzjali li jinżammu b’saħħithom dawk l-oqsma li dejjem rendewlna ħafna. Filfatt, sa Settembru diġà ġew f’pajjiżna 1.8 miljun turist li nefqu f’pajjiżna €1.5 biljun. Bit-turiżmu kellu ukoll kontribut importanti f’dawk li huma impjiegi, bir-ristoranti u lukandi ħolqu wieħed minn kull ħames impjiegi ġodda li kellna din is-sena flimkien ma’ żieda ta’ 700 impjieg part-time fl-istess settur. 

 

Riżultati li jixhdu li ċ-ċertezza u stabbiltà li qed joffri l-Gvern qed iwasslu biex pajjiżna jibqa’ wieħed tal-opportunitajiet. 

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li l-ITS matul is-snin ħadmet ħafna biex l-edukazzjoni turistika tagħmel il-qabża fil-kwalità. “Nemmnu li l-bini ta’ dan il-kampus ser ikun pedament b’saħħtu li permezz tiegħu inkomplu nħeġġu iżjed żgħażagħ jagħżlu l-ospitalità bħala karriera ewlenija. Anċillari mal-bini ta’ dan il-kampus qegħdin inwelldu skola ta’ taħriġ proprju fi ħdan l-ITS biex permezz tagħha nagħtu spinta għad-domanda eżistenti li għandna fl-industrija billi nħarrġu u nsaħħu l-għodod lokali fil-lukandi u r-restoranti tagħna.”

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech tenna li dan l-investiment se jagħti l-possibbiltà li l-ITS tkompli tinvesti f’korsijiet ġodda u innovattivi. Spjega li għal dawn l-aħħar tliet snin, l-ITS kellha rekord ta’ studenti ġodda u sostna li “ninsabu kunfidenti li ladarba nimxu lejn il-kampus il-ġdid tagħna dawn in-numri se jiżdiedu b’rata aktar mgħaġġla. Diġà għandna impenji min-numru ta’ istituzzjonijiet barranin, li jridu jibagħtu lill-istudenti tagħhom ikomplu l-istudji tagħhom hawn Malta.”