Il-Ministru Camilleri jattendi għall-konferenza tal-MED f’Ruma fejn ġie diskuss l-bżonn ta’ aktar koperazzjoni, speċjalment fid-dawl ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u l-fuel

 l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda u indirizza t-8 edizzjoni tal-konferenza MED – Mediterranean Dialogues li saret f’Ruma.

Waqt din il-konferenza, il-Ministru Camilleri sostna l-pożizzjoni ta’ Malta fuq għadd ta’ temi kurrenti, fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fuel, u l-impatt tal-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran.

Huwa stqarr li fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti, bil-Gwerra fl-Ukrajna qed naraw żieda kbira fil-prezz tal-ikel kif ukoll tal-fuel. Għaldaqstant, kien hemm diskussjoni kif dan kollu qed jaffettwa lill-pajjiżi tal-Mediterran u x’jista’ jsir sabiex is-sitwazzjoni tkun mitigata.

Waqt l-istess konferenza ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari. Hawnhekk il-Ministru Camilleri qal li “għamilna l-pożizzjoni tagħna ċara li d-daqs tal-pajjiż ma jippermettix li pajjiżna jġorr il-piż kollu. Għaldaqstant, għandu jkun hemm formula adegwata li tobbliga wkoll lill-membri stati l-oħra sabiex iġorru parti mill-piż b’mod proporzjonat, sabiex fl-aħħar mill-aħħar bħala blokk Ewropew u bħala Malta li tinsab fil-fruntiera tan-naħa t’isfel tal-Ewropa jkun hemm fair sharing ta’ dan l-istess piż.”

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Gvern Malti jħares ’il quddiem għal aktar ħidma sabiex jissalvagwardja kemm l-interessi Ewropej kif ukoll b’mod aktar partikolari l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.