F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof Charmaine Gauci, ħabbar bidliet fil-miżuri li hemm fis-seħħ biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.
Il-Prim Ministru spjega li f’perjodi partikolari matul il-pandemija kienu meħtieġa deċiżjonijiet differenti bil-għan li tibqa’ tiġi mħarsa s-saħħa taċ-ċittadini u l-kwalità tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin. Dr Abela tenna li fil-mumenti li kien hemm ħtieġa li jiżdiedu r-restrizzjonijiet u fil-mumenti li kien hemm il-bżonn li jitnaqqsu l-istess restrizzjonijiet, il-prijoritajiet assoluta dejjem kienu s-saħħa, l-edukazzjoni, u l-anzjani.
F’dan l-isfond ġew imħabbra l-bidliet fil-miżuri marbuta mal-COVID-19:
Mit-Tnejn 12 ta’ April
• Jiftħu ċ-ċentri tac-childcare u l-kindergarten
• Jiftħu l-iskejjel primarji
• Ikomplu l-operazzjonijiet skedati fl-isptar Mater Dei
• Jerġgħu jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani
Mill-Erbgħa 14 ta’ April
• Jiftħu l-middle schools
Mill-Ġimgħa 16 ta’ April
• Jiftħu l-iskejjel sekondarji
Mill-Ħadd 18 ta’ April
• Terġa’ tibda ssir il-quddies
Mit-Tnejn 26 ta’ April
• Jiftħu l-ħwienet meqjusa mhux essenzjali
• Jibdew jingħataw is-servizzi meqjusa mhux essenzjali
• Se jkun permess grupp ta’ 4 persuni fil-pubbliku
Il-Prim Ministru tenna li kif jixhdu dawn il-bidliet, matul il-pandemija, il-Gvern ħa d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn.
“Bħala Gvern, bħal kull amministrazzjoni fid-dinja, ma konniex perfetti. Imma assigurajna li nagħmlu dak kollu meħtieġ għas-saħħa u l-kwalità tal-għajxien tal-poplu Malti.”
Dr Abela kkonkluda bi kliem ta’ tifħir għall-ħidma li qegħdin iwettqu l-frontliners f’pajjiżna.
“Min-naħa l-oħra żgur li kienu perfetti l-front liners tagħna li taw u qed jagħtu kollox.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li dan il-pjan ta’ tranżizzjoni qiegħed jitħabbar fi sfond ta’ programm ta’ tilqim li għaddej b’rittmu mgħaġġel.
“95% tal-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar, 86% tal-anzjani li għandhom 70 sena jew aktar u 76% tal-anzjani li għandhom 60 sena jew aktar diġà rċivew l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19. Laqqamna ukoll 86% tal-persuni vulnerabbli, persentaġġi li huma l-ogħla rati fl-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li l-iskejjel se jkunu qegħdin jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom b’86% tal-għalliema u l-istaff tal-iskejjel imlaqqmin bl-ewwel doża tal-vaċċin.”
Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof Charmaine Gauci sostniet li d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu huma bbażati fuq ix-xjenza.
“Ir-rakkomandazzjonijiet marbuta mal-bidliet fil-miżuri tal-COVID-19 huma mfassla fuq ix-xjenza u l-assessjar ta’ kull miżura li daħħalna biex ġie determinat liema huma l-iżjed miżuri li jipprovdu inqas riskju. Assessjar li fost oħrajn huwa bbażat fuq id-distanza bejn persuna u oħra, jekk il-miżura tinvolviex attivitajiet barra jew ġewwa, jekk tkunx tista’ tingħata protezzjoni addizzjonali bid-distanza soċjali jew bl-ilbies tal-maskri u anke liema persuni dik il-miżura se taffettwa. Dan għaliex, per eżempju, l-anzjani li rċivew iż-żewġ dożi tal-vaċċin illum huma iżjed protetti.”
Il-Prof Charmaine Gauci kkonkludiet tgħid li l-punt kardinali fil-bidliet ta’ dawn il-miżuri huwa l-moniteraġġ kontinwu, anke ta’ dak li jkun qiegħed jiġri f’pajjiżi oħra.
Filmati: https://we.tl/t-14H8a7YqJh