Introdotti iktar miżuri restrittivi

Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne and The Superintendence of Public Health address a press conference

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubbika Charmaine Gauci, ħabbru numru ta’ mizuri li se jidħlu fis-seħħ sabiex tkun ikkontrollata iktar l-imxija tal-COVID-19.

Min-nhar l-Erbgħa d-19 t’Awwissu fit-0800hrs:

  • L-ebda stabbiliment ma jista’ jippermetti nies bil-wieqfa;
  • Se jingħalqu kompletament discos u nightclubs;
  • Se jingħalqu l-bars u l-każini. F’ każ li dawn l-istabbilimenti jservu l-ikel, din il-parti biss tal-istabbiliment tista’ topera – bil-limitazzjoni li jistgħu jiġu servuti biss klijenti bilqegħda u li jordnaw l-ikel u għalhekk mhux se jkun permess li persuna tordna x’tixrob biss.
  • M’humiex se jkunu permessi boat parties fl-ebda ċirkostanza.

Min-nhar l-Erbgħa wkoll, mhumiex se jkunu permessi ġemgħat t’iktar minn 15-il persuna fi spazji pubbliċi. Din il-miżura mhijiex se tapplika għall-knejjes, postijiet sagri u  funerali, fid-dawl li dawn huma diġà regolati bi protokol ta’ distanza soċjali stretta.

It-tiġijiet se jkunu eċċezzjoni għal dawn il-miżuri l-ġodda, madanakollu mill-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu, se jitħallew isiru tiġijiet bilqegħda (sit-down) biss, madanakollu ż-żfin mhuwiex se jkun permess. Ir-restrizzjonijiet ta’ numru ta’ mistednin li tħabbru fil-ġimgħat li għaddew jibqgħu fis-seħħ.

Se jkun estiż ukoll l-użu obbligatorju tal-maskri għal postijiet pubbliċi fuq ġewwa,  u se jkunu estiżi wkoll l-multi għal min ma jsegwix din il-miżura. Dan filwaqt li qed ikun irrakkomandat li tintlibes il-maskra f’postijiet fejn hu diffiċli żżomm distanza soċjali minn persuna għal oħra, anke jekk ikun hemm preżenza t’inqas minn 15-il persuna.

L-infurzar tal-miżuri se jsir mill-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika, il-Pulizija, Transport Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turizmu (MTA) u l-uffiċjali tal-LESA.

Dwar is-safar, id-Deputat Prim Ministru spjega li se tkun introdotta amber list ta’ pajjiżi, li tinkludi l-pajjiżi li huma meqjusin bħala ta’ periklu moderat. Kull persuna li tidħol f’ pajjiżna minn dawn il-pajjiżi se tkun mitluba tippreżenta riżultat negattiv tal-iswab test, li jkun ħareġ sa 72 siegħa qabel il-wasla f’ Malta. F’każ li dan iċ-ċertifikat ma jiġix ippreżentat, il-persuna tista’ tinżamm taħt kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum jew jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta. Il-lista ta’ pajjiżi se tkun riveduta kull ġimgħa u jkun hemm perjodu ta’ 5 ijiem qabel tidħol fis-seħħ din il-miżura għall-pajjiżi l-ġodda fil-lista. Il-lista se tkun ippubblikata fuq il-gazzetta tal-Gvern. Din il-liġi se tidħol fis-seħħ min-nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu f’nofs il-lejl. L-istat se jżomm id-dritt li jagħmel swab tests sporadiċi fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan filwaqt li r-restrizzjonijiet l-oħra fuq is-safar se jibqgħu japplikaw.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-mijiet ta’ ħaddiema li qed jagħmlu xogħol impekkabbli tagħhom f’dawn iż-żminijiet.