“Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, irrid nafferma mill-ġdid l-impenn tal-Parlament Ewropew — u personali tiegħi — għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa u madwar id-dinja. Illum u kuljum. Dan għaliex post il-mara huwa verament kull fejn hi trid li jkun. Kemm fil-Parlament, kemm tmexxi kumpanija, jew twassal nazzjon għall-prosperità,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-Jum Internazzjonali tal-Mara fit-8 ta’ Marzu. |
Il-President Metsola kien qed jitkellem waqt laqgħa ta’ mexxejja nisa fin-negozju, fil-politika, fis-soċjetà ċivili u fl-organizzazzjonijiet tal-karità, kif ukoll edukaturi nisa, studenti, artisti, professjonisti tal-midja, u atleti, f’Dar l-Ewropa l-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa.
Il-President Metsola enfasizzat dik li hija tqis bħala l-aktar ftehim storiku ta’ dan il-mandat: id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa. “Għall-ewwel darba, se jkun hemm regoli madwar l-UE kollha dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ ċerti forom ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u aċċess aħjar għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-prevenzjoni. Il-vittmi għandhom bżonn l-appoġġ. Aggressuri għandhom jiffaċċjaw kastig. In-nisa jistħoqqilhom protezzjoni, u l-ambizzjoni tagħna hija li nkomplu nistinkaw biex nagħmlu l-ħajja aħjar, aktar sikura, aktar ġusta u aktar ugwali. Aħna mhux ser inċedu. Minn dan ninsab ċerta,” qalet il-President Metsola, dwar l-impatt trasformattiv tal-Unjoni Ewropea fuq il-ħajja tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fl-iskambju man-nisa preżenti, hija enfasizzat ukoll l-importanza tal-involviment attiv tan-nisa fl-influwenzar tal-politiki tal-UE billi jużaw il-vot tagħhom għal rappreżentanti diretti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju ta’ din is-sena. Il-President tal-Parlament Ewropew fetħet ukoll wirja tal-arti mill-artista Iranjana-Maltija u difensur tad-drittijiet tal-bniedem Lida Sherafatmand, li tenfasizza l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-wirja, Sinfonija tal-Bilanċ, hija ġabra ta’ pitturi dwar it-tema tal-poter u l-axxensjoni tan-nisa, marbuta mas-sitwazzjoni attwali fl-Iran. Ispirata mill-memorji tagħha ta’ gwerra, rivoluzzjoni u persekuzzjoni, Sherafatmand ħolqot il-kunċett artistiku “florescencism”, li jirreferi għall-fjuri fil-pitturi tagħha li jirrappreżentaw il-fjoritura ta’ individwu jew ċiviltà. “Hawnhekk tkellimna dwar l-importanza tal-votazzjoni. Fl-Iran in-nisa m’għandhomx tali lussu bħall-vot liberu: in-nisa huma ppersegwitati talli huma nisa,” qalet il-President Metsola fil-ftuħ ta’ din il-wirja għall-pubbliku. Il-Parlament Ewropew qed ikompli l-ħidma tiegħu man-nisa Iranjani wara li tahom il-Premju Sakharov fl-2023, hija qalet, l-wirja bħalissa fl-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew ta’ Malta għandha tintwera wkoll fil-bini prinċipali tal-Parlament. “Il-kollezzjoni attwali tal-pittura hija fuq it-tema tal-poter, u tħares lejha minn aspett kostruttiv,” qalet Lida Sherafatmand. “Din tinkludi l-poter tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u kif il-bilanċ jagħti lok għall-prosperità tal-komunità.” Il-wirja tal-arti hija miftuħa għall-pubbliku f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta mit-8 sat-22 ta’ Marzu. Id-dħul huwa bla ħlas mal-preżentazzjoni ta’ dokument tal-identità għall-aċċess għall-bini. In-nisa Iranjani Jina Mahsa Amini, u l-moviment Woman, Life, Freedom t tal-Iran ġew onorati bil-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew fl-2023. F’avveniment ieħor organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, l-artista Lida Sherafatmand se tippreżenta r-riċerka tax-xjenza soċjali wara l-arti tagħha f’lekċer f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta fl-21 ta’ Marzu. Se tingħaqad magħha virtwalment Aida Ghajar, rappreżentanta tar-rebbieħa Iranjani tal-Premju Sakharov 2023 Woman Life Freedom. L-avveniment se jkun miftuħ għall-pubbliku. |