Diskors tal-Prim Ministru Robert Abela wara li ġie ppreżentat il- Budget 2024

Dak tal-lejla hu baġit li fassalnieh man-nies.

Għalhekk huwa l-baġit tan-nies.

Iżda huwa wkoll Budget li għandu ħsieb strateġiku li jeħodna fit-tul.

Biex ikollna Malta Ġusta qed inwettqu politika mibnija fuq il-ħtiġijiet tal-
Għawdxin u tal-Maltin, fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Għalhekk dan il-budget huwa wieħed:

Li jattakka bis-saħħa l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni u jsaħħaħ id-dħul
tal-familji, il-ħaddiema u l-middle-class.

Qed iżomm stabbli l-kontijiet tad-dawl, l-ilma, tal-gass, tal-petrol u
tad-diżil.

– Qed inżidu l-paga minima. Qed iżid bis-saħħa ċ-Children’s
Allowance. Qed jerġa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet.

– Dan hu budget ieħor mingħajr ebda taxxi ġodda.

– Budget li qed jinċentiva l-ekonomija ta’ għada permezz ta’ strateġija
lejn setturi ġodda u produttivi.

Nifhem sew meta niltaqa’ ma’ nies li jkellmuni dwar l-effetti tal-inflazzjoni.

Ir-realtajiet li jiffaċċjaw il-pensjonanti u l-familji. Il-middle class u l-
ħaddiema minn kull saff tas-soċjetà tagħna.

Kien għalhekk li rdoppjajna n-numru ta’ familji li se jibbenefikaw minn għotja addizzjonali għall-għoli tal-ħajja. Sena ilu bbenefikaw minn din l-għotja li ngħatat għall-ewwel darba 50,000 familja. Illum se jibbenefikaw

95,000 persuna. Familji li huma fi stat vulnerabbli, iżda ukoll familji li
jinsabu fil-middle-class.

Nagħti tliet eżempji:

Koppja pensjonanti fuq pensjoni minima waħda se tieħu madwar tlett mija
u tmenin ewro.

Familja b’paga medja waħda, għax parti ddeċidiet, waħda mill-ġenituri
ddeċidiet li tieħu ħsieb il-wild ġdid, se tieħu somma ta’ tlett mija u tmenin
ewro.

Imbagħad koppja fuq paga minima waħda u li għandhom żewgt itfal se
jirċievu seba’ mija u sittin ewro.

Dan mill-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja waħdu. Minbarra l-
għajnuniet l-oħra kollha li semmejna llejla.

Kien b’dan l-ispirtu li ħadna deċiżjoni strateġika li ngħinu lill-familji u l-
middle class bis-saħħa meta ġejna biex niddeċiedu fuq iż-żieda fiċ-

Children’s Allowance. Li se nagħmlu fuq it-tliet snin li ġejjin bħala żieda
fiċ-Children’s Allowance, nagħmluh kważi kollu fuq sena waħda. Żieda ta’
mitejn u ħamsin ewro għal kull wild.
Ma waqafniex hawn. Sal-lum, ġenituri li uliedhom jagħlqu s-sittax, jieqfu
jieħdu dan l-allowance sakemm mhux qed igawdu mit-test tal-mezzi.

Illum qed nieħdu deċiżjonijiet li jekk l-ulied ikomplu l-iskola wara s-
sekondarja allura l-ġenituri jieħdu għotja ta’ €500 għal tliet snin. Għotja oħra ta’ €1500. Hekk tgħin lill-familji middle-class. L-edukazzjoni hija
fundamentali u hija ċ-ċavetta għall-mobbiltà soċjali.

Saħħaħna l-pensjonijiet ta’ kulħadd. Tisimgħu l-budget u tinnotaw kif filwaqt li tiġbed l-għajn iż-żieda ta’ €15 fil-ġimgħa, ir-realtà hi li l-maġġoranza tal-pensjonanti se jieħdu iktar minn hekk. Dan bil-mod kif indirizzajna ċertu anomaliji, jew indirizzajna ċerti realtajiet.

Iż-żieda tar-romol per eżempju hija ta’ €17 fil-ġimgħa. Persuni li
jiddependu biss mill-pensjoni tal-ħamsa u għoxrin sena servizz f’korp
dixxiplinat, għall-ewwel darba, smajna karba għal numru ta’ snin, se jieħdu
bonus bil-COLA sħiħa.

U l-pensjonanti b’inġustizzja ta’ qabel l-1962 bdejna nindirizzaw il-karba
tagħhom.

U dan biex nagħti biss tliet eżempji sinifikanti.

F’kull waħda minn dawn il-miżuri nista’ nara individwu.

Jekk insemmi l-miżura li tolqot il-pensjonijiet tas-servizz niftakar fit-
taħdidiet li kien ikolli ma’ Martin, persuna magħruf sew fil-qasam trejd unjonistiku partikolarment ta’ korpi dixxiplinati, persuna li jimmilita sew fil-
Partit Laburista.

Niftakar ukoll f’dak il-grupp ta’ persuni li kitbuli kontinwament dwar l-
anomalija tal-1962. U dik il-mara li ltqajt magħha s-suq taż-Żurrieq u kelmitni kemm hu meħtieġ għal xi ħadd bħalha, waħedha, li jkun hemm għajnuna speċifika u targeted. Għalhekk kburi ħafna li indirizzajna l-aspettattivi ta’ ħafna nies li tkellimna magħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Budget li sar f’realtà jew f’diffikultajiet li m’huma faċli xejn. Għandna dinja
li bħalissa qiegħda tiffaċċja sfidi li mhumiex żgħar. Ibda bil-gwerra li bdiet
fi Frar tal-2020 fil-periferija tal-Ewropa, kompli bil-gwerra jew ġlied fil-Lvant
Nofsani. U l-Gvern kellu tliet għażliet.

Jew jinjoraha.
Jew jara f’min iwaħħal.

Jew ixammar il-kmiem u nixtħu l-appoġġ kollu wara l-familji u n-negozji. It-
tielet għażla kienet dik naturali lil tinbet mit-twemmin tagħna li nkunu man-
nies.

Mill-ewwel ta’ Jannar il-paga minima tiżdied ukoll b’ €21 fil-ġimgħa. Kienet
wegħda ċara fil-Manifest Elettorali. Sodisfatt li dik il-wegħda wettaqnieha.
Ġibna l-unanimità madwar il-mejda bejn min iħaddem u l-unions li
jirrappreżentaw il-ħaddiema. Se jkollna erba’ żidiet konsekuttivi u
m’hemmx dubju li din se jkollha effett pożittiv ukoll fuq ħaddiema oħra.
Bħal dejjem, se nassiguraw li l-paga minima ma tkunx intaxxata. Bħalma mhux se nintaxxaw ċenteżmu miż-żieda qawwija li se jingħataw il-
pensjonanti.

F’Marzu tal-2022 erġajtu tajtuni l-fiduċja biex immexxi lil dan il-pajjiż.

Ġejt quddiemkom b’messaġġ li nifhem il-prijoritajiet il-ġodda ta’ dan il-
pajjiż u s-soluzzjonijiet li kienu miktuba fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien. Sfidi ma naqsux. Deċiżjonijiet kellhom jiġu mgħarbla u dibattiti.
Iżda, is-sinjal tal-lejla hu wieħed ċar ħafna.

Fl-aħħar għaxar snin, is-suċċess ekonomiku tagħna kien li ħrigna l-
Għawdxin u l-Maltin jaħdmu, u l-poplu fehem li kien jaqbillek toħroġ taħdem. Fejn qabel ħafna minnhom ma kellhomx inċentiv jagħmlu dan.

Is-suċċess tal-għaxar snin li ġejjin jiddependi li issa dawn l-Għawdxin u
Maltin ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ reskilling u upskilling u
javvanzaw.

Ma nibżgħux inkunu aħna li nwettqu l-bidla.

Irridu Għawdex ta’ villaġġi. Għalhekk il-bidla fir-reġim fiskali fuq xiri ta’
proprjetà bħall-appartamenti, filwaqt li mbagħad żidna l-inċentiv għal min
jinvesti f’dak li jagħmel Għawdex sabiħ.

Fejn jidħlu l-ħaddiema barranin, l-emfasi hi fuq kemm hemm bżonn u fejn
hemm bżonn biss. Fuq kollox, l-emfasi fuq il-kwalità. Għal dan il-għan se
ndaħħlu liġijiet u regoli ġodda partikolarment dwar it-taħriġ tal-ħaddiema.

Se naraw li ninvestu fil-ħiliet u nibqgħu ninċentivaw lil Maltin jaħdmu.

Għalhekk ħaddiem li ma jirtirax wara l-età ta’ wieħed u sittin sena jista’
jgawdi mit-titjib ta’ kważi tletin fil-mija fil-pensjoni.

Se nwaqqfu mill-ġdid Istitut tas-Snajja’ ħalli nagħtu impetu ġdid f’oqsma
tekniċi.

Tejjibna l-istipendji għal kulħadd b’mod partikolari l-istipendji f’dawk is-
setturi fejn il-pajjiż jeħtieġ għall-ekonomija ta’ Malta ta’ għada.

Hekk nemmnu li se ngħinu liż-żgħażagħ isibu karriera ta’ kwalità u
industriji biex isibu l-ħaddiema li għandhom bżonn.

Imma l-politika tagħna tibqa’ politika li tmur tfittex l-opportunitajiet għal
pajjiżna. Għax biex insostnu dak kollu li tkellimt dwaru iktar qabel
neħtieġu li l-ekonomija tikber u tikber b’mod sostenibbli.

Għalhekk in-negozji tagħna se ngħinuhom ikomplu jinvestu.

Se nkomplu nissimplifikaw il-burokrazija, speċjalment għal intrapriżi żgħar
u għall-istart-ups.

Fil-budget allokajna sittin miljun ewro biex pajjiżna jibqa’ fuq ta’ quddiem
fl-iżvilupp industrijali.

Tkellimna ukoll fuq il-bidla fis-sistema tat-tassazzjoni tagħna.

Ħafna negozji kienu nkwetati li pressjoni internazzjonali tista’ twassal biex
il-bidliet li nagħmlu jkunu ta’ detriment għalihom. Mhux se jkun il-każ.

Se nkunu qed indaħħlu sistema ta’ tassazzjoni ġdida li tinċentiva lil dawk
li jinvestu fil-kapital, fit-teknoloġija u fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
tagħhom.
Dawn l-inċentivi ser ikunu għan-negozji kollha u mhux limitati għal gruppi
partikolari bħalma jiġri taħt is-sistema preżenti.

Għandna bżonn investiment akbar ħalli nwettqu żewġ sfidi kbar, jew
inkella opportunitajiet kbar li għandu l-pajjiż quddiemu, il-qalba ambjentali
u dik diġitali.

Il-Gvern ser jagħmel il-parti tiegħu.

Se nkunu qegħdin inkomplu bl-akbar programm ta’ investiment pubbliku
fl-istorja.

Għal sena oħra se nerġgħu ninvestu aktar minn biljun ewro.

Fi proġetti bħall-waste-to-energy.

Bħat-tieni interconnector li jrid ikun lest sas-sena 2026.

Bħat-titjib bla preċedent fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

Proġetti li se jiddiġitalizzaw aktar is-settur pubbliku u assistenza lil negozji
privati.

Ħabbarna madwar mitt miljun ewro f’assistenza li jistgħu jgawdu minnhom
in-negozji.

Kif ukoll l-impenn tagħna għal aktar spazji miftuħa u ħodor.

Wettaqna proġetti fuq spazji eżistenti jew ġodda daqs sitt darbiet u nofs l-
istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali.

Issa tellaqna proġetti b’impatt id-doppju ta’ dan.

Tmenin elf metru kwadru għall-familji tagħna.

F’sittax-il lokalità madwar pajjiżna.

Minn Għajnsielem saż-Żurrieq.

Wegħidna li ħadd ma jkun għaxar minuti mixi ’l bogħod minn spazju aħdar
jew miftuħ, u hekk se nagħmlu.

L-istess bħalma se nibdew il-ħidma fuq proposta ewlenija oħra tal-
Manifest Malta Flimkien.

Dik li nniedu pjan għar-riġenerazzjoni soċjo-ekonomika.

Imma mhux se niffukaw biss biex nirriġeneraw l-ambjent u l-infrastruttura
ta’ pajjiżna.

Se nkomplu bl-investiment qawwi fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

Allokazzjoni ta’ kważi wieħed u tmenin miljun ewro għal investiment
kapitali fis-saħħa pubblika.

Id-doppju ta’ dak li konna nallokaw qabel faqqgħet il-pandemija.

U fuq il-qasam tal-edukazzjoni u sports, l-investiment ser jilħaq kważi d-
disgħin miljun.

Għax se nkomplu ninvestu fl-iskejjel tal-futur. Kellna l-opportunità li nuru

lill-President tal-Kummissjoni Ewropea x’qed nagħmlu fil-qasam tal-
edukazzjoni f’pajjiżna.

Se nwettqu dan kollu filwaqt li ntejbu l-qagħda tal-finanzi pubbliċi.

Dan se nagħmluh mingħajr miżuri ta’ awsterità.

Il-formola tagħna se tibqa’ dik li nsostnu t-tkabbir ekonomiku filwaqt li
nieħdu ħsieb lin-nies.

Illejla sodisfatt li ppreżentajna budget li tfassal min-nies, għan-nies.

Iżda mhux biss, preżentajna viżjoni strateġika li teħodna għall-għaxar snin
li ġejjin mill-2024 għall-għaxar snin li ’l quddiem, iżda viżjoni ċara li teħtieġ
nurmu ta’ deċiżjonijiet li jkunu sodi li però se nkunu qed naraw il-frott
tagħhom fis-snin li ġejjin.

Budget li hu:

Ġust mal-istudenti.
Ġust mal-familji.
Ġust mal-pensjonanti.
Ġust man-negozji.

Ġust ma’ min iħaddem.
Ġust mal-ħaddiema.

Illejla ppreżentajna pjan għal Malta Ġusta.