Waqt il-laqgħa tal-Enterprise Consultative Council, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri ħabbar tliet miżuri mmirati li jgħinu lill-industrija u jnaqqsu l-burokrazija. Dawn il-miżuri ġew approvati mill-Kabinett u se jkun qed jiskatta l-ewwel fażi tagħhom.
Il-Ministru Schembri spejga li dawn it-tliet miżuri kienu ġew proposti fil-manifest elettorali u llum, 100 jum wara l-elezzjoni ġenerali, dawn il-miżuri wkoll se jibdew jitħaddmu fil-prattika.
Huwa spjega kif waħda mill-problemi li jiltaqgħu magħha in-negozji, speċjalment dawk ġodda u żgħar, huwa l-aċċess għall-kont bankarju. “Għaldaqstant kif wegħdna fil-manifest elettorali, kif daħħalna d-dritt għall-kont tal-bank bażiku għall-individwi, ser nestendu dan id-dritt għas-self-employed u n-negozji, b’konformità mar-regolamenti Ewropej ta’ superviżjoni finanzjarja.”
Il-Ministru Schembri spjega li se jwaqqfu Credit Review Office fuq il-mudelli użati minn pajjiżi oħra Ewropej. Dan l-uffiċċju se jkun qed jirrikonċilja u jarbitra bejn il-banek kummerċjali u l-klijenti tagħhom dwar applikazzjonijiet għal self li jkun ġie rifjutat. Huwa kompla li dan l-uffiċċju se jkollu l-irwol li jassigura li s-sistema ta’ self taħdem b’mod effetiv, l-aktar għan-negozji ż-żgħar u s-self-employed.
“Nafu wkoll li numru ta’ entitajiet governattivi jitolbu għall-proċess ta’ due diligence, għaldaqstant se nkunu qed naraw kif bħala l-ewwel pass, dan il-proċess ta’ due diligence jsir wieħed u l-informazzjoni tkun tista’ tiġi maqsuma mal-entitajiet governattivi konċernati. It-tieni pass jkun li dan il-proċess jinfetaħ wkoll għas-settur privat fuq quddiem nett mal-banek,” sostna l-Ministru Schembri.
Huwa spjega li biex dan isir se jitwaqqaf Steering Committee, mmexxi minnu bħala Ministru għall-Ekonomija u magħmul minn diversi entitajiet oħra fosthom l-FIAU, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-MFSA, il-Malta Business Registry, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Ekonomija, fost oħrajn.
Il-Kumitat se jkun qed jaħdem f’żewġ fażijiet bl-ewwel fażi tkun leġiżlattiva, fejn isir il-propost tibdil fil-liġijiet neċessarji u fit-tieni fażi tkun dik ta’ implimentazzjoni fejn hawnhekk dan il-Kumitat jiżdiedu miegħu membri oħra, fosthom banek u service providers.
Waqt l-Enterprise Consultative Council ġew diskussi wkoll temi oħra fosthom is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna u l-isfida biex jinstabu ħaddiema barranin biex jidħlu fl-impjieg ġewwa pajjiżna.