Messaġġ tal-Milied lill-poplu Malti mill-President ta’ Malta George Vella 2020

Għeżież Maltin u Għawdxin,

Insellmilkom.

Nibda dan il-messaġġ billi, qabel xejn, inwassal ix-xewqat tiegħi u ta’ marti Miriam għal Milied hieni lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Bi pjaċir qiegħed nindirizzakom għat-tieni darba fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied bħala l-President ta’ Malta. Dan huwa Milied differenti ħafna minn dak li mdorrijin bih. F’dawn l-aħħar disa’ xhur, minħabba l-pandemija, kellna nbiddlu ħafna affarijiet li konna mdorrijin bihom f’ħajjitna ta’ kuljum.

Kif wieħed seta’ jbassar, il-festi tal-Milied u t-tradizzjonijiet marbuta magħhom, kellhom ukoll jitbiddlu minħabba dan il-virus. Ilkoll xtaqna li, f’ġurnata bħal-lum, inkunu nistgħu niltaqgħu mal-għeżież u l-ħbieb tagħna, u nqattgħu ħin flimkien magħhom kif imdorrijin nagħmlu s-soltu. Dan ma setax iseħħ, u nroddilkom ħajr ilkoll talli, b’ħafna sagrifiċċju, qegħdin tosservaw id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan huwa fl-interess ta’ saħħitna u tas-saħħa tal-għeżież tagħna. Jiena u Miriam ukoll, b’dispjaċir kbir, kellna nnaqqsu ħafna mil-laqgħat tagħna – magħkom il-Maltin u l-Għawdxin – hekk kif ma nistgħux niltaqgħu mal-pubbliku kif is-soltu jiġri f’dan iż-żmien tas-sena biex nagħtu l-awguri u x-xewqat sbieħ lil xulxin.

Dan kollu, però, m’għandux inaqqsilna mill-ispirtu tal-Milied. Wara kollox, l-ispirtu tal-Milied ma jinħassx biss fil-miġemgħa. Lanqas ma jinħass biss fil-festini u fir-riċevimenti. Nemmen li aħna l-Maltin, li tant ngħożżu l-familja, insibu l-milja tal-Milied fil-ġabra u l-għaqda mal-familja tagħna. Issa iktar minn qatt qabel nistgħu, u għandna, napprezzaw il-familja.

Dan il-virus sieket u qerriedi messilna l-għeżież tagħna u lilna stess. Min jaf kemm minnkom li tliftu lil xi membru tal-familja jew inkella xi ħabib minħabba l-virus tixtiequ li dawn għadhom magħna, igawdu dawn il-ġranet. Lilkom ilkoll, insellmilkom b’mod partikolari u nwasslilkom minn qalbi l-kondoljanzi u s-solidarjetà. Inħeġġiġkom tagħmlu kuraġġ biex ilkoll negħlbu dawn il-mumenti diffiċli – flimkien.

Irrid insellem ukoll, b’mod speċjali, lill-anzjani, li wħud minnhom ma jistgħux iqattgħu din il-ġurnata ma’ wliedhom u man-neputijiet tagħhom, biex tkun imħarsa saħħithom. Lilkom li tinsabu ġo xi dar residenzjali għall-anzjani, insellmilkom u nfakkarkom li mhux il-familji tagħkom biss qegħdin jaħsbu fikom, iżda l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Jiena hawnhekk nitlob lill-familji tagħna kollha biex nagħmlu dak kollu possibbli –  permezz ta’ xi telefonata, xi messaġġ, kartolina jew xi rigal żgħir – u nuru l-għożża tagħna lil dawn l-anzjani u nuruhom li, għalkemm iżolati, mhumiex minsija.

Ma nistax f’messaġġ bħal dan ma nsemmix lill-morda. Għal dawk fostna li għaddejjin minn xi problema ta’ saħħa, il-Milied mhux dejjem iġib il-ferħ iżda swied ta’ qalb u biża’ mill-ġejjieni. Ejjew nużaw dawn il-ġranet biex inwasslu kelma ta’ kuraġġ, kull fejn nistgħu, lil min hu rikoverat l-isptar, lil min għaddej minn xi trattament mediku, u lil dawk madwarna li qed iħossuhom vulnerabbli. Kliem ta’ faraġ u sostenn jiswa daqs il-kura medika. Grazzi lil dawk kollha li jduru bil-morda tagħna. Din hija missjoni ta’ mħabba.

U la qed nitkellem fuq il-mard, nixtieq nieħu din l-opportunità biex, f’ismi u f’isem marti, ngħidilkom grazzi għall-appoġġ li qed insib mingħandkom u mill-familji tagħkom biex inkomplu ngħinu lill-Malta Community Chest Fund Foundation biex tkompli taqdi dak li hu mistenni minnha. Din is-sena kienet waħda iebsa għax naqsu l-fondi u l-attivitajiet ukoll. Iżda ma nqastux intom, il-poplu Malti, li b’tant ġenerożità tibqgħu tagħtu milli tistgħu biex tgħinu lil kull min jeħtieġ l-għajnuna.

Jien naf ukoll li għal ħafna minnkom din is-sena ma kinitx waħda tajba minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija fuq id-dinja tax-xogħol, fuq l-intrapriżi, fuq il-kummerċ, u fuq it-turiżmu. Nafu li dan kollu ħalla impatt negattiv fuq is-sigurtà tax-xogħol, fuq il-kwalità tal-ħajja, fuq id-dħul u, konsegwentament, fuq l-infiq tagħna.

Min-naħa l-oħra żdiedet ukoll it-talba għall-għajnuna mill-marid u minn min hu fil-bżonn. Għalhekk, se nibqgħu naħdmu biex, bl-għajnuna tagħkom, nilħqu lil dawn kollha permezz tal-ħidma tal-Malta Community Chest Fund Foundation. Nitlobkom tkomplu turu kemm huwa qalbu tajba l-Malti, mhux waqt L-Istrina biss, iżda tul is-sena kollha.

Jiena jiddispjaċini li l-messaġġ tal-Milied ta’ din is-sena kellu jkun daqshekk negattiv, imma din hija r-realtà ta’ madwarna.

Now a word in English to the foreigners amongst us in Malta.

I would also like to extend my greetings to all of you, who might not be Maltese, but who share with us our country’s realities.

This must have been a hard year for you – as much as it has been for us all in view of the consequences of the pandemic. I thank you for your observance of the laws and regulations as directed by the health authorities, intended to keep us all safe, and encourage you to keep this up.

You are part of the Maltese extended family and we equally care about your well-being.

My thoughts go particularly to those of you who are far away from their families, or perhaps cannot spend these days with your loved ones in your respective countries, because of travel restrictions in place due to the pandemic.

Qabel nagħlaq, nixtieq li lill-poplu Malti u Għawdxi ngħidlu biex nagħmlu kuraġġ u nħeġġu biex, minkejja l-ħsara li għamlitilna l-pandemija, nirrealizzaw li, bħala poplu, għad għandna ħafna u ħafna affarijiet sbieħ li, jekk nagħrfu nibżgħu għalihom u nisfruttawhom, nagħmlu ħajjitna ħafna u ħafna aħjar.

Irrid inwassal messaġġ ta’ tama. Tama li ma ndumux ma noħorġu minn din is-sitwazzjoni mwiegħra u nerġgħu nieqfu fuq saqajna mill-aktar fis possibbli. L-aħbarijiet li fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar se jkollna tilqima kontra l-COVID-19, huma ta’ faraġ u jagħmlulna kuraġġ.

Jien għandi fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi. Għandi fiduċja fil-kapaċità tiegħu li jegħleb l-għawġ u t-taqlib, bħalma għamilna min jaf kemm-il darba matul is-snin tal-istorja tagħna. Nemmen li għandna biżżejjed reżiljenza biex, ladarba nikkontrollaw il-COVID-19, naħdmu lkoll flimkien biex nagħtu ħajja mill-ġdid lil dawk is-setturi li minnhom tiddependi l-ekonomija ta’ pajjiżna. Jiena fiduċjuż li, bl-enerġija u l-esperjenza li għandna bejnietna, meta niddeċiedu li lkoll naħdmu flimkien m’hemmx sfidi li bħala poplu m’aħniex kapaċi negħlbu.

Bl-għajnuna ta’ Alla u bir-rieda tajba tagħna lkoll, is-sena d-dieħla se nagħmluha sena ħafna aktar tajba minn kull aspett, għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. B’dan il-ħsieb, u b’din it-tama qawwija, jiena u marti nixtiequ lilkom, lill-familji kollha tagħkom, u lill-għeżież tagħkom Milied hieni u sena ġdida mimlija barka, sliem u, fuq kollox, saħħa.

Insellmilkom.