Il-Prim Ministru jħabbar numru ta’ miżuri meqjusa u bilanċjati għall-perjodu tal-Karnival u x-xahar ta’ Frar

“Qed nitlob ir-responsabbiltà tal-familji kollha. Qed nitlob lin-negozji jagħmlu ftit sagrifiċċju ieħor. Nifhem li l-aħħar xhur ma kinux faċli, u forsi hemm min rani ikrah li ħadt deċiżjonijiet iebsa, iżda ma nistgħux inċedu issa għax inkella nagħmlu s-sitwazzjoni tax-xhur li ġejjin aktar diffiċli” – il-Prim Ministru Robert Abela

Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar numru ta’ miżuri meqjusa u bilanċjati għall-perjodu tal-Karnival u x-xahar ta’ Frar.

Fakkar li filwaqt li l-wasla ta’ aktar dożi tal-vaċċin kif ukoll l-approvazzjoni tal-Kabinett għan-nefqa ta’ żewġ miljun ewro għax-xiri ta’ 80,000 doża oħra tal-vaċċin Moderna timliena b’kuraġġ, jonqos l-aħħar sforz. Qal li Frar huwa xahar partikolari fejn għal ħafna dan huwa xahar ta’ żvog minħabba l-Karnival, il-btajjel tat-tfal mill-iskejjel, u avvenimenti oħra.

“Qed nitlob ir-responsabbiltà tal-familji kollha. Qed nitlob lin-negozji jagħmlu ftit sagrifiċcju ieħor. Nifhem li l-aħħar xhur ma kinux faċli, u forsi hemm min rani ikrah li ħadt deċiżjonijiet iebsa, iżda ma nistgħux inċedu issa għax inkella nagħmlu s-sitwazzjoni tax-xhur li ġejjin aktar diffiċli”, stqarr il-Prim Ministru.

Għalhekk elenka numru ta’ miżuri għall-perjodu tal-Karnival u x-xahar ta’ Frar:

• L-attivitajiet tal-massa tal-Karnival mhumiex se jsiru;

• Tul ix-xahar kollu ta’ Frar, ir-ristoranti f’Malta u Għawdex jagħlqu sal-11.00pm, u jiftħu mhux qabel is-6:00am tal-għada;

• Il-projbizzjoni tal-ftuħ tal-bars u każini se tiġi estiża sal-aħħar ta’ Frar;

• Snack bars u kiosks se jibqgħu bir-restrizzjonijiet preżenti sal-aħħar ta’ Frar;

•. Bejn il-11 u s-17 ta’ Frar, qabel wieħed jitla’ fuq il-vapur t’Għawdex trid tittieħidlu t-temperatura;

•. Fl-istess perjodu min jitla’ bil-vettura fuq il-vapur se jiġi mħeġġeġ li jibqa’ fiha tul il-vjaġġ. Għal min ikun passiġġier bil-mixi u jitla’ fuq, se jibqa’ jkun hemm u nżidu ufficjali tal-LESA biex jassiguraw li kulħadd ikun liebes il-maskra u jirrispetta d-distanza soċjali;

• Il-vapuri se jibqgħu jaħdmu b’nofs il-volum ta’ passiġġiera b’sinjal ċar li filwaqt li Għawdex mhuwiex magħluq, mhijiex l-istess atmosfera ta’ snin oħra meta Għawdex kien ikun mimli bl-eluf li jitilgħu għall-attivitajiet tal-Karnival;

• Fl-istess perjodu se jkun hemm impenn ċar li l-awtoritajiet tal-infurzar, fosthom il-Pulizija, se jagħmlu rondi addizzjonali fir-Rabat, in-Nadur, Marsalforn u x-Xlendi. Filwaqt li Transport Malta u l-LESA se jżidu rondi speċjali fl-irħula l-oħra biex jassiguraw l-osservanza tar-regoli kollha marbuta mal-Covid-19;

•           L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tagħmel spezzjonijiet spissi biex tiżgura li postijiet ta’ akkomodazzjoni qed joperaw fil-parametri tal-liċenzja, partikolarment dwar in-numru ta’ nies miġbura fihom biex ma jkunx hemm aktar nies milli hemm sodod liċenzjati f’kull post, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-Prim Ministru kompla billi ta serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji li mhux se jħallihom waħedhom. Qal li l-vouchers se jintbagħtu skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u f’mument fejn in-nies jistgħu jużawhom liberalment. Ħabbar li l-każini u l-bars se jkunu qed jingħataw id-doppju ta’ dak imħabbar oriġinarjament, minn miljun għal żewġ miljuni u mitejn elf ewro.

“Li kieku kelli niddeċiedi waħdi, kont nippreferi li fil-weekend tal-Karnival inkomplu bir-rutina normali, fejn it-tfal imorru l-iskola kuljum biex kemm jista’ jkun il-familja tinġabar, u l-vaganzi mitlufa jittieħdu aktar ’il quddiem”, sostna l-Prim Ministru, filwaqt li qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar dan. Appella biex kulħadd jagħmel dak kollu possibbli biex innaqqsu t-tixrid tal-pandemija filwaqt li fakkar li min ma josservax dawn il-miżuri se jkun hemm l-infurzar. Sal-lum, qal il-Prim Ministru, ingħataw aktar minn tmint elef multa u saru eluf ta’ spezzjonijiet u matul ix-xahar ta’ Frar se jkompli jiżdied l-infurzar.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Chris Fearne tkellem dwar il-pjan ta’ vaċċinazzjoni u kif din l-istrateġija miexja kif kien imħabbar. Qal li sal-aħħar ta’ Jannar se jkunu tlaqqmu l-anzjani ta’ ’l fuq minn 85 sena u dawk residenti fid-djar tal-anzjani kif ukoll l-frontliners fis-settur tas-saħħa. Qal li fi Frar jibdew jitlaqqmu l-anzjani ta’ ’l fuq minn tmenin sena kif ukoll il-frontliners l-oħra bħall-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija u għalhekk, sa Mejju, il-persuni vulnerabbli kollha jkunu offruti l-vaċċin.

Fakkar li pajjiżna għandu dożi tal-vaċċin biżżejjed ordnati mill-kumpaniji Pfizer u Moderna. Madankollu, ġaladarba l-vaċċin tal-kumpanija Astrazeneca jiġi liċenzjat u jibda jitqassam, pajjiżna jkun jista’ jilħaq il-miri tiegħu qabel.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li l-miżuri mħabbra llum huma intenzjonati biex nikkontrollaw in-numru ta’ każijiet f’perjodu li jista’ jkun ta’ żvog għal bosta. Hija appellat għal responsabbiltà minn kulħadd biex pajjizna jibqa’ jżomm mal-miri ta’ vaċċinazzjoni.